Il-Mard Respiratorju

Il-mard respiratorju jaffettwa l-pulmun u partijiet oħra tas-sistema respiratorja. Il-mard pnewmokokkali, l-Influwenza u l-COVID-19 huma kollha mard respiratorju li joħloq riskji sinifikanti għas-saħħa, speċjalment għal adulti akbar fl-età u għal dawk b’kundizzjonijiet tas-saħħa sottostanti. Dan il-mard jista’ jwassal għal kumplikazzjonijiet severi bħal pulmonite, insuffiċjenza respiratorja u saħansitra mewt. B’xorti tajba, huwa disponibbli tilqim għal protezzjoni kontra dan il-mard. It-tilqima PCV20 tgħin biex tipprevjeni infezzjonijiet pnewmokokkali serji, filwaqt li t-tilqim annwali kontra l-influwenza u t-tilqim tal-COVID-19 jipproteġi kontra theddid staġjonali u pandemiku. Il-fehim ta’ dan il-mard u l-importanza tat-tilqim jistgħu jnaqqsu t-tixrid, jissalvagwardaw is-saħħa tagħna u jipproteġu lill-komunitajiet tagħna.


Il-Mard Pnewmokokkali u t-Tilqima PCV20

X’inhu l-Mard Pnewmokokkali?
Il-mard pnewmokokkali huwa kkawżat mill-batterju Streptococcus pneumoniae u jista’ jwassal għal infezzjonijiet serji bħall-pulmonite, il-meninġite u s-settiċemija (infezzjoni tal-fluss tad-demm). Dan jaffettwa primarjament lill-adulti anzjani, lit-trabi u lill-individwi b’sistemi immunitarji batuti.

Fatti Ewlenin:
o    Pulmonite: Kawża ewlenija ta’ rikoveru l-isptar u mewt, b’mod partikolari fost l-adulti akbar fl-età.
o    Meninġite: Dan jista’ jwassal għal diżabilitajiet fit-tul bħal ħsara fil-moħħ jew telf tas-smigħ.
o    Settiċemija: Din hija infezzjoni ta’ periklu għall-ħajja kkawżata meta ammonti kbar ta’ batterji jidħlu fil-fluss tad-demm u jikkawżaw avvelenament tad-demm
o    Gruppi f’Riskju: L-adulti ta’ 65 sena jew aktar, it-trabi u dawk b’kundizzjonijiet kroniċi huma l-aktar f’riskju.

Sinjali u Sintomi ta’ Mard Pnewmokokkali
Is-sintomi jiddependu mit-tip speċifiku ta’ infezzjoni kkawżata mill-batterji:
•    Pulmonite: Sogħla, deni, tkexkix ta’ bard, uġigħ fis-sider, diffikultà biex tieħu n-nifs u għeja.
•    Meninġite: Ebusija fl-għonq, deni għoli, uġigħ ta’ ras, konfużjoni, sensittività għad-dawl u rimetter.
•    Settiċemija: Deni, tkexkix ta’ bard, pressjoni tad-demm baxxa, nifs mgħaġġel u stat mentali mibdul.

X’inhi t-Tilqima PCV20?
It-tilqima PCV20 (konjugat 20-valenti pnewmokokkali) tipproteġi kontra 20 razza ta’ batterji pnewmokokkali u hija rrakkomandata għal adulti ta’ 65 sena jew aktar. F’Malta, din it-tilqima tingħata b’xejn mingħajr ħlas biex il-popolazzjonijiet vulnerabbli jiġu ssalvagwardjati minn kumplikazzjonijiet serji bħall-pulmonite u s-sepsi. Din l-inizjattiva hija miżura ewlenija fit-tnaqqis tar-riskju ta’ mard pnewmokokkali sever fost adulti akbar fl-età.

Evidenza:
o    L-istudji juru li l-PCV20 toffri protezzjoni ta’ aktar minn 70% kontra l-pulmonite pnewmokokkali f’adulti akbar fl-età.

Kif Twaqqaf it-Tixrid tal-Mard Pnewmokokkali
•    Prattiki tal-Iġjene: Aħsel b’mod regolari idejk, għatti ħalqek meta tagħtas jew tisgħol, u evita kuntatt mill-qrib ma’ persuni li jkunu morda.
•    Tilqim: It-tilqima PCV20 hija l-aħjar protezzjoni kontra mard pnewmokokkali sever.



L-Influwenza u t-Tilqima kontra l-Influwenza

X’inhi l-Influwenza?
L-influwenza hija marda respiratorja li tittieħed ikkawżata minn viruses tal-influwenza. Din tista’ twassal għal sintomi ħfief jew severi, u f’xi każijiet, tista’ tirriżulta f’rikoveru l-isptar jew f’mewt. L-influwenza tipikament tinfirex matul ix-xhur aktar kesħin u taffettwa firxa wiesgħa ta’ gruppi ta’ età.

Fatti ewlenin:
o    Sintomi: Deni, uġigħ fil-muskoli, għeja, uġigħ fil-griżmejn, sogħla xotta, u imnieħer iqattar f’daqqa waħda.
o    Kumplikazzjonijiet: L-influwenza tista’ tikkawża pulmonite, infjammazzjoni tal-qalb jew kundizzjonijiet kroniċi diġà eżistenti li jmorru għall-agħar bħall-ażma jew il-mard tal-qalb.
o    Gruppi f’Riskju: L-adulti akbar fl-età, in-nisa tqal, it-tfal żgħar u l-individwi b’kundizzjonijiet tas-saħħa kronika huma l-aktar vulnerabbli.

Sinjali u Sintomi tal-Influwenza
•    Sintomi Komuni: Deni għoli, tkexkix ta’ bard, uġigħ fil-muskoli, uġigħ ta’ ras, għeja, uġigħ fil-griżmejn, sogħla xotta u mnieħer iqattar jew misdud.

X’inhi t-Tilqima kontra l-Influwenza?
It-tilqima kontra l-influwenza tiġi aġġornata kull sena biex tipproteġi kontra l-aktar razez komuni li jkunu qed jiċċirkolaw tal-influwenza. Hija rrakkomandata għal kull persuna li għandha 6 xhur u aktar, b’enfasi speċjali fuq gruppi b’riskju għoli.

Evidenza:
o    L-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) tirrapporta li t-tilqim kontra l-influwenza jnaqqas ir-riskju ta’ influwenza b’40-60%, skont kemm it-tilqima taqbel mal-viruses li jkunu qed jiċċirkolaw.
o    Ir-riċerka turi li t-tilqim kontra l-influwenza jnaqqas ir-riskju ta’ kumplikazzjonijiet severi, speċjalment fl-anzjani u f’dawk b’kundizzjonijiet diġà eżistenti.

It-Twaqqif tat-Tixrid tal-Influwenza
•    Ħu t-Tilqima: It-tilqima kontra l-influwenza hija l-aħjar mod kif tipproteġi lilek innifsek u lil ħadd ieħor mill-influwenza.
•    Prattika ta’ Iġjene Tajba: Aħsel idejk ta’ spiss, għatti ħalqek u mnieħrek meta tagħtas jew tisgħol, u evita kuntatt mill-qrib ma’ persuni li jkunu morda.
•    Oqgħod id-Dar jekk tkun ma Tiflaħx: Jekk tiżviluppa sintomi qishom tal-influwenza, oqgħod id-dar biex tipprevjeni li xxerred il-virus.


Il-COVID-19 u t-Tilqima kontra l-COVID-19

x’inhu l-COVID-19?
Il-COVID-19 jinfirex primarjament permezz ta’ qtar respiratorju. Dan jista’ jwassal għal firxa wiesgħa ta’ sintomi, minn sintomi ħfief li qishom ta’ riħ sa diffikultà respiratorja severa, rikoveru l-isptar jew mewt. L-adulti akbar fl-età u dawk b’kundizzjonijiet kroniċi huma f’riskju akbar ta’ kumplikazzjonijiet severi.

Fatti ewlenin:
o    Sintomi: Deni, sogħla, qtugħ ta’ nifs, għeja, uġigħ fil-muskoli, telf tat-togħma jew riħa, uġigħ fil-griżmejn u uġigħ ta’ ras.
o    Kumplikazzjonijiet: Pulmonite severa, tagħqid tad-demm, problemi tal-qalb u insuffiċjenza ta’ diversi organi huma kumplikazzjonijiet possibbli, speċjalment f’individwi b’riskju għoli.
o    Varjanti: Il-virus ikompli jinbidel, u dan jirriżulta f’varjanti li jistgħu jinfirxu b’mod aktar malajr jew jevolvu f’forom li għalihom jista’ jkun li għad ma għandniex immunità.
Sinjali u sintomi tal-COVID-19
•    Sintomi Ħfief: Deni, għeja, sogħla xotta, uġigħ fil-griżmejn u telf tat-togħma jew tar-riħa.
•    Sintomi Severi: Qtugħ ta’ nifs, uġigħ fis-sider, konfużjoni, xufftejn jew wiċċ blu, u nuqqas ta’ kapaċità li wieħed jibqa’ mqajjem.

X’inhi t-Tilqima kontra l-COVID-19?
It-tilqim kontra l-COVID-19, inklużi t-tilqim mRNA (eż. Pfizer-BioNTech, Moderna) u t-tilqim tal-vetturi virali (eż. Johnson & Johnson), intwerew li huma effettivi fit-tnaqqis tar-riskju ta’ mard sever, rikoveru l-isptar u mewt.

Evidenza:
o    It-tilqim kontra l-COVID-19 huwa aktar minn 90% effettiv fil-prevenzjoni ta’ mard serju u mewt.
o    It-tilqim naqqas b’mod sinifikanti t-tixrid tal-COVID-19, b’mod partikolari f’popolazzjonijiet b’riskju għoli.

Kif Twaqqaf it-Tixrid tal-COVID-19
   Ħu t-Tilqima: It-tilqim kontra l-COVID-19 huwa l-aktar mod effettiv għall-protezzjoni kontra mard serju u mewt.
•    Ilbes Maskri: F’ambjenti ffullati jew fuq ġewwa, speċjalment jekk ir-rati ta’ trażmissjoni lokali jkunu għoljin.
•    Prattika ta’ Iġjene Tajba: Aħsel idejk b’mod regolari, issanitizza l-uċuħ li jintmessu ħafna u evita ġemgħat kbar ta’ nies waqt it-tifqigħat.

It-Tilqima PCV20, it-Tilqima kontra l-Influwenza u t-Tilqima kontra l-COVID-19 Jistgħu Jittieħdu Fimkien?
Iva, m’hemmx periklu meta tieħu t-tilqima PCV20, it-tilqima kontra l-influwenza u t-tilqima kontra l-COVID-19 fl-istess ħin. Dawn it-tilqimiet jipproteġu kontra mard differenti, u ma hemm l-ebda evidenza li t-teħid ta’ dawn it-tilqimiet flimkien jaffettwa l-effettività tagħhom jew iżid l-effetti sekondarji.

Fatti Ewlenin:
o    Skont iċ-Ċentru għall-Kontroll tal-Mard (CDC), l-għoti flimkien tat-tilqimiet huwa kemm sikur kif ukoll effettiv.
o    Li tieħu t-tliet tilqimiet kollha fi żjara waħda jista’ jagħmilha aktar konvenjenti, speċjalment għall-adulti akbar fl-età jew għal dawk b’mobbiltà limitata.

It-tilqim kontra l-influwenza u l-booster kontra l-COVID-19 huma disponibbli għat-tfal u għall-adolexxenti li għandhom 6 xhur jew aktar.

It-tilqima kontra l-influwenza tista’ tingħata permezz ta’ sprej tal-imnieħer lil tfal u adolexxenti li għandhom bejn sentejn u 17-il sena. Mid-9 ta’ Novembru, it-tilqima kontra l-influwenza u l-booster kontra l-COVID-19 se jibdew jingħataw kull tmiem il-ġimgħa miċ-Ċentri tas-Saħħa ewlenin kollha, skont l-iskeda fil-link ta’ hawn taħt.
Barra minn hekk, it-tilqima pnewmokokkali qed tingħata fiċ-ċentri tas-saħħa kollha b’xejn lill-adulti kollha li għandhom 65 sena u aktar. 

It-tilqimiet kollha qed jingħataw miċ-ċentri tas-saħħa u mill-kunsilli lokali kollha. L-iskeda tista’ tinstab fil-link ta’ hawn taħt. Huwa importanti li dejjem tieħu miegħek il-karta tal-identità u l-kartuna tat-tilqim tiegħek meta tmur biex titlaqqam (il-ktieb tat-trabi għat-tfal) Mhu meħtieġ l-ebda appuntament. 

Għal aġġornamenti regolari dwar it-tilqim respiratorju kollu segwina fuq il-mezzi tal-media soċjali tagħna fuq HPDPMalta.
Il-persuni li jixtiequ jingħataw it-tilqimiet ġo darhom jistgħu jikkuntattjaw lil Servizz.Gov fuq 153.

Ikklikkja hawn taħt fuq il-link mixtieqa biex tara l-iskeda

PCV Vaccine Adults
Influenza Children
Influenza Adults
Covid-19 Children
Covid-19 Adults